CLUB STATUTE – maltese



MANCHESTER UNITED

SUPPORTERS’ CLUB
MALTA

MISRAĦ IL-BARRIERI,

MSIDA MSD 1101

STATUT

U

REGOLAMENTI

RIVEDUT APRIL 1997

RIVEDUT LULJU 1999

RIVEDUT ĠUNJU 2000

RIVEDUT ĠUNJU 2002

RIVEDUT ĠUNJU 2003

RIVEDUT ĠUNJU 2009

RIVEDUT LULJU 2011

RIVEDUT LULJU 2012

RIVEDUT LULJU 2013

RIVEDUT LULJU 2014

RIVEDUT FRAR 2015

RIVEDUT LULJU 2015

RIVEDUT LULJU 2016

RIVEDUT LULJU 2019

RIVEDUT SETTEMBRU 2021

RIVEDUT LULJU 2022

RIVEDUT LULJU 2023

RIVEDUT SETTEMBRU 2024

(ADDIZZJONIJIET SKONT L-AĦĦAR REVIŻJONI QEGĦDIN B’TIPA SKURA)

(IL-VERŻJONI MALTIJA HIJA L-VERŻJONI UFFIĊJALI)

KAP I – IL-KLABB

  1. L-isem tal-Klabb ikun magħruf uffiċjalment bħala ‘Manchester United Supporters’ Club, Malta’.
  2. Għall-fini ta’ dan id-dokument it-terminu ‘Kumitat’ qed jagħmel referenza għall-Kumitat Eżekkutiv tal-Klabb.
  3. L-indirizz postali tal-Klabb ikun skont il-lokalità li fiha jinsab il-Klabb.
  4. L-Arma tal-Klabb għandha tkun skont ma tidher fuq il-faċċata tal-Istatut.
  5. L-għan prinċipali tal-Klabb ikun biex ikabbar l-isem tal-Manchester United Football Club u biex jinkoraġġixxi aktar support għat-tim fil-Gżejjer Maltin u barra.
  6. Ħadd ma jista’ jitlob li l-Klabb jiġi xolt sakemm ikun hemm numru ta’ mhux inqas minn mitt (100) membru li ħallsu l-miżata.
  7. Kliem jew argumenti politiċi (lokali jew barranin) huma strettament ipprojbiti ġewwa l-bini tal-Klabb.
  8. L-ilsien Malti huwa l-lingwa uffiċjali tal-Klabb, iżda kemm il-Malti kif ukoll l-Ingliż jistgħu jintużaw fil-korrispondenza u r-rivisti.
  9. Korrispondenza mibgħuta f’Malta għandha tkun bil-Malti jew bl-Ingliż; jekk tintbagħat barra mill-Gżejjer Maltin għandha tkun bl-Ingliż.
  10. Il-ġranet u l-ħinijiet tal-ftuħ tal-Klabb jiġu ffissati mill-Kumitat, li huwa marbut li jiftaħ il-Klabb mill-inqas darbtejn fil-ġimgħa.
  11. It-Teżorier huwa marbut li jżomm inventarju tal-proprjetà kollha tal-Klabb.
  12. L-ebda proprjetà tal-Klabb ma tista’ tintuża mingħajr il-permess tal-Kumitat.
  13. L-ebda proprjetà fl-inventarju ma tista’ tingħata jew tissellef mingħajr il-permess tal-Kumitat.
  14. F’każ ta’ xoljiment, il-proprjetà kollha titqiegħed fil-pussess ta’ kuratur maħtur f’Laqgħa Ġenerali Straordinarja.
  15. Jekk wara sitt (6) xhur il-Klabb ma jerġax jinfetaħ, il-proprjetà tinbiegħ f’irkant u l-flus jitqassmu lill-membri eliġibbli.
  16. Il-Klabb għandu jaħtar konsulent legali professjonali biex jassisti lill-Kumitat.

KAP II – SĦUBIJA FIL-KLABB

  1. L-applikazzjoni, fuq formola uffiċjali, għas-sħubija fil-Klabb għandha tkun miftuħa għal ċittadini u/jew residenti tal-Gżejjer Maltin u/jew persuni li joqogħdu barra minn Malta.
  2. Il-Kumitat għandu l-jedd jaċċetta jew jiċħad kull applikazzjoni li jirċievi. Kull membru tal-Kumitat għandu l-jedd li jitlob votazzjoni sigrieta dwar kull applikazzjoni li titressaq quddiem il-Kumitat. Fil-każ li applikazzjoni tiġi miċħuda, il-Kumitat ma jkunx marbut li jagħti raġuni.
  3. Meta applikazzjoni għas-sħubija tiġi miċħuda, l-applikant ma jistax jerġa’ japplika qabel ma tgħaddi sena.
  4. Kull membru li jiġi aċċettat huwa marbut li josserva l-Istatut u r-Regolamenti tal-Klabb, kif ukoll kwalunkwe direttiva jew deċiżjoni li l-Kumitat jara xierqa. Il-Kumitat jista’ jneħħi membru għal raġunijiet dixxiplinarji.
  5. Meta jkun hemm proposta għal żieda fil-miżata tas-sħubija lokali, din trid tiġi deċiża waqt Laqgħa Ġenerali Straordinarja fuq proposta tal-Kumitat. Is-sena tas-sħubija tibda fl-1 ta’ Ġunju u tintemm fil-31 ta’ Mejju tas-sena ta’ wara. Il-membri għandhom sa tmiem is-sena tas-sħubija biex iġeddu l-ħlas.
  6. Il-miżata tas-sħubija għall-membri li jgħixu barra minn Malta tvarja skont il-pajjiż ta’ residenza u tkun fid-diskrezzjoni tas-Segretarju tas-Sħubija, skont l-ispejjeż tal-posta.
  7. Kulħadd, inklużi l-membri tal-Kumitat, huwa marbut li jħallas il-miżata tas-sħubija, ħlief il-Presidenti Onorarji, Membri Onorarji u dawk il-membri li l-Kumitat jiddeċiedi li jkunu membri kumplimentari.
  8. Il-miżata tas-sħubija hija mqassma f’dawn il-kategoriji:
  • Sħubija tat-tfal (0–12-il sena);
  • Sħubija taż-żgħażagħ (13–15-il sena);
  • Sħubija tal-adulti (16–65 sena);
  • Sħubija tal-anzjani (66 sena ’l fuq);
  • Sħubija għal għomor il-membru;
  • Sħubija ta’ familja (2 adulti u tfal taħt il-15-il sena);
  • Sħubija barra minn Malta;
  • Sħubija Internazzjonali;
  1. Is-sħubija Internazzjonali tal-Klabb isservi biex tirrappreżenta l-istatus ta’ membru tal-Klabb f’pajjiżi barranin, mingħajr ebda dritt li jitlob jew igawdi xi benefiċċju previst fl-Istatut tal-Klabb.

KAP III – IL-KUMITAT

  1. Il-Klabb jitmexxa minn Kumitat li jiġi elett waqt Laqgħa Ġenerali Annwali.
  2. Il-Kumitat ikun magħmul mill-uffiċjali li ġejjin:
  • President
  • Viċi President
  • Segretarju
  • Assistent Segretarju
  • Teżorier
  • Assistent Teżorier
  • Segretarju tas-Sħubija
  • Koordinatur tal-Midja u l-Pubblikazzjonijiet
  • Maniġer tas-Souvenir Shop
  • Eżekuttiv tar-Reklamar
  • Maniġer tal-ICT

L-irwoli tal-President, Viċi President, Segretarju, Assistent Segretarju, Teżorier u Assistent Teżorier huma rwoli obbligatorji, filwaqt li r-rwoli l-oħra jistgħu jiġu stabbiliti skont il-ħtiġijiet tal-Kumitat.

  1. Il-Kumitat jiġi elett biex imexxi l-Klabb għal perjodu ta’ mhux aktar minn sentejn mid-data tal-elezzjoni.
  2. Il-Kumitat għandu jiltaqa’ mill-inqas darba fix-xahar. Il-quorum għal kull laqgħa jkun nofs il-membri tal-Kumitat u wieħed.
  3. Il-laqgħat tal-Kumitat jitmexxew mill-President jew, fl-assenza tiegħu, mill-Viċi President. Jekk it-tnejn ikunu assenti, jintgħażel president interim mill-membri preżenti.
  4. Jekk matul il-perjodu ta’ sentejn ikun hemm vakanza fil-Kumitat, din timtela mill-membru li jkun ġab l-ogħla numru ta’ voti fost dawk mhux eletti fl-aħħar elezzjoni.
  5. Jekk xi membri eletti jirrifjutaw li jservu jew jekk ma jkunx hemm aktar minn ħdax-il kandidat fl-elezzjoni, il-Kumitat għandu d-dritt jaħtar kwalunkwe membru tal-Klabb.
  6. Jekk waqt laqgħa tal-Kumitat tiġi diskussa xi kwistjoni li tikkonċerna direttament membru tal-Kumitat, dan il-membru għandu joħroġ mill-kamra waqt id-diskussjoni.
  7. Kull membru tal-Kumitat li jonqos milli jattendi tliet (3) laqgħat konsekuttivi mingħajr raġuni valida jiġi sospiż. Jekk jonqos milli jiġġustifika n-nuqqas tiegħu matul il-perjodu tas-sospensjoni, jitkeċċa awtomatikament mill-Kumitat.
  8. Is-Segretarju għandu jippreżenta l-minuti tal-laqgħa preċedenti fil-laqgħa li jmiss. Dawn iridu jiġu approvati u ffirmati mill-President u mis-Segretarju.
  9. Il-Kumitat m’għandux dritt jissellef jew jislef flus f’isem il-Klabb mingħajr l-approvazzjoni ta’ Laqgħa Ġenerali.

KAP IV – MEMBRI ONORARJI

  1. Il-Kumitat għandu d-dritt li jinnomina Patruni, li jkunu jew kienu uffiċjali tal-M.U.F.C., Presidenti Onorarji li jkunu servew bħala Presidenti tal-Klabb għal mill-inqas sena, u Membri Onorarji tal-Klabb li, fil-fehma tal-membri, ikunu taw servizz ta’ ġid partikolari lill-Klabb. Dawn in-nomini għandhom jiġu approvati waqt il-Laqgħa Ġenerali Annwali. Dawn il-ħatriet għandhom jiġu approvati jew imġedda kull sena fil-Laqgħa Ġenerali Annwali, ħlief meta n-nomina tkun għal għomor il-membru.
  2. President Onorarju jew Membru Onorarju li jiddeċiedi li joħroġ għall-elezzjoni tal-Kumitat għandu l-ewwel jirriżenja minn dik il-kariga. Jekk il-membru ma jiġix elett, jista’ jerġa’ jingħata l-istatus Onorarju preċedenti tiegħu jekk dan jiġi approvat fil-Laqgħa Ġenerali Annwali.

KAP V – DMIRIJIET TAL-UFFIĊJALI U L-ASSISTENTI TAGĦHOM

  1. Il-President huwa l-ogħla awtorità amministrattiva tal-Klabb u hu jew rappreżentant tiegħu approvat mill-Kumitat jista’ jirrappreżenta lill-Klabb f’kull okkażjoni, inkluża r-rappreżentanza legali u ġudizzjarja.
  2. Il-President għandu d-dritt, flimkien mas-Segretarju, li jsejjaħ il-laqgħat kollha tal-Kumitat u l-Laqgħat Ġenerali. L-ebda laqgħa ma tista’ ssir mingħajr l-approvazzjoni tiegħu jew mingħajr l-approvazzjoni ta’ terz (1/3) tal-membri tal-Kumitat.
  3. Minbarra l-vot ordinarju tiegħu, il-President għandu wkoll dritt għal vot deċiżiv (casting vote) f’każ li r-riżultat tal-votazzjoni jkun ndaqs.
  4. Il-Viċi President għandu d-dmir li jieħu post il-President u jassumi r-responsabbiltajiet kollha tiegħu meta, għal raġunijiet serji, dan ma jkunx jista’ jaqdi dmirijietu.
  5. Is-Segretarju tal-Klabb huwa responsabbli għall-korrispondenza kollha tal-Klabb u għall-organizzazzjoni ġenerali tiegħu, u flimkien mal-President għat-tmexxija tal-Klabb. Huwa marbut li jżomm il-minuti tal-laqgħat u rendikont ta’ dak kollu li jkun qiegħed iseħħ fil-Klabb. Is-Segretarju jew l-Assistent Segretarju huwa membru ‘ex officio’ tas-sotto-kumitati kollha.
  6. L-Assistent Segretarju għandu d-dmir li jgħin lis-Segretarju fix-xogħol tiegħu u f’kull ħaġa meħtieġa fl-assenza tas-Segretarju.
  7. It-Teżorier huwa responsabbli għall-finanzi tal-Klabb. Huwa għandu jżomm rekord tat-transazzjonijiet finanzjarji kollha u jippreżenta rapporti finanzjarji lill-Kumitat fix-xahar jew kull meta jkun mitlub jagħmel dan.
  8. It-Teżorier m’għandux iżomm aktar minn €5,000 bħala “cash float”. Il-bqija tal-flus għandhom jitqiegħdu f’banek magħżula mill-Kumitat. Għal kwalunkwe ħlas jew rtirar ta’ flus huma meħtieġa l-firem tat-Teżorier u tal-President jew tas-Segretarju.
  9. Il-kotba tal-kontijiet għandhom jinżammu skont sistema approvata mill-awdituri tal-Klabb.
  10. It-Teżorier għandu jżomm ukoll kontijiet separati għat-transazzjonijiet li jsiru fir-rigward ta’:
  • il-Bar, meta dan ikun immexxi mill-Kumitat;
  • is-Souvenir Shop.
  1. It-Teżorier ma jistax jagħmel nefqa ta’ iżjed minn €5,000 mingħajr il-permess tal-Kumitat. F’każ ta’ emerġenza, il-President jista’ jawtorizza nefqa sa €10,000, iżda dawn iridu jiġu rrappurtati fl-ewwel laqgħa tal-Kumitat li tkun imiss.
  2. F’każ ta’ suspett ta’ serq jew misapproprjazzjoni tal-fondi tal-Klabb, għandha tinħatar Kummissjoni mill-Kumitat magħmula mill-Awdituri u persuni oħra indipendenti biex jinvestigaw il-każ.
  3. It-Teżorier għandu jippreżenta rendikont awditjat iffirmat mill-Awdituri għall-approvazzjoni tal-Kumitat u tal-Laqgħa Ġenerali Annwali, u dan għandu jiġi mqabbel mar-rendikont tas-sena ta’ qabel.
  4. It-Teżorier huwa wkoll membru ‘ex officio’ tas-sotto-kumitati kollha li jkollhom x’jaqsmu mal-finanzi.
  5. L-Assistent Teżorier għandu d-dmir li jgħin lit-Teżorier u, meta dan ma jkunx jista’ jaqdi dmirijietu, jieħu f’idejh ir-responsabbiltajiet kollha tiegħu skont l-artikli rilevanti.
  6. Is-Segretarju responsabbli għall-menswalità għandu jiġbor il-ħlasijiet, iżomm rekords tal-membri kollha u jfakkar lill-membri dwar it-tiġdid tas-sħubija.
  7. Il-Kumitat jista’ jaħtar Bord Editorjali minn fost il-membri li jkunu ħallsu l-menswalità biex jgħin fil-pubblikazzjonijiet tal-Klabb.
  8. Il-Kumitat biss għandu d-dritt li jaħtar rappreżentanti jew konsulenti biex jitkellmu f’isem il-Klabb u jistieden lil dawn biex jattendu laqgħat bħala osservaturi mingħajr dritt ta’ vot.
  1. Il-Koordinatur tal-Midja u l-Pubblikazzjonijiet huwa responsabbli għall-koordinazzjoni kollha ma’ partijiet esterni, kontributuri u l-Eżekuttiv tar-Reklamar sabiex tiġi żgurata l-kwalità u l-puntwalità tal-pubblikazzjonijiet kollha tal-Klabb.
  2. Il-Maniġer tal-Ħanut tas-Souvenirs huwa responsabbli mill-bejgħ tas-souvenirs kollha, kemm direttament mill-Klabb kif ukoll minn kwalunkwe post jew sors ieħor deċiż mill-Kumitat. Huwa wkoll responsabbli mix-xiri tal-istokk, iż-żamma ta’ lista aġġornata tal-istokk u mill-kontijiet relatati.
  3. Il-Maniġer tal-Ħanut tas-Souvenirs jista’ jżomm somma massima ta’ €200 bħala “cash float”.
  4. L-Eżekuttiv tar-Reklamar huwa responsabbli minn kull kampanja ta’ reklamar li tidher fil-mezzi kollha tal-midja tal-Klabb.
  5. Il-Maniġer tal-ICT huwa responsabbli mill-istrateġija tal-informatika tal-Klabb u mill-operat kollu relatat mal-ICT.

KAP VI – SOTTO-KUMITATI

  1. Il-Kumitat għandu l-jedd jaħtar sotto-kumitati biex jgħinu fit-tmexxija tal-Klabb. Dawn is-sotto-kumitati jistgħu jagħmlu biss rakkomandazzjonijiet lill-Kumitat għall-approvazzjoni tiegħu.
  2. Min ikun membru ta’ xi kumitat politiku ma jistax ikun membru ta’ xi sotto-kumitat tal-Klabb.

KAP VII – POTERI TAL-KUMITAT

  1. Il-Kumitat jeżerċita l-amministrazzjoni u l-poteri mogħtija lilu mill-Istatut u r-Regolamenti tal-Klabb. Il-Kumitat għandu d-dritt jinterpreta r-Regolamenti tal-Istatut. Din l-interpretazzjoni tista’ tinbidel biss waqt Laqgħa Ġenerali Annwali jew Laqgħa Ġenerali Straordinarja.
  2. Kull membru li juża l-Klabb għall-gwadann personali jew finanzjarju jiġi sospiż sakemm jittieħdu passi dixxiplinarji kontrih. Il-membru jista’ jitkeċċa mill-Klabb.
  3. Il-Kumitat elett u maħtur waqt Laqgħa Ġenerali Annwali biex imexxi l-Klabb għandu d-dritt jinvestiga, jirrapporta u jaġixxi kif jidhirlu xieraq dwar l-imġiba tal-membri tiegħu jew ta’ kwalunkwe persuna oħra preżenti fil-bini tal-Klabb jew waqt attivitajiet organizzati mill-Kumitat. Il-Kumitat għandu d-dritt li jeżerċita l-awtorità tiegħu biex irażżan u jagħti ordnijiet diretti, kif ukoll li jiddetermina u jsolvi tilwim, inkluża s-sospensjoni jew it-tkeċċija ta’ membri jew persuni oħra għal perjodu determinat jew mhux determinat.
  4. Meta tinqala’ diffikultà li ma tkunx tista’ tiġi solvuta bl-għajnuna ta’ dan l-Istatut, il-Kumitat għandu l-jedd jagħti soluzzjoni kif jidhirlu xieraq.
  5. Laqgħa tal-Kumitat għandha d-dritt tħassar jew temenda deċiżjonijiet li jkunu ttieħdu f’laqgħat preċedenti tal-Kumitat.
  6. Il-Kumitat jista’, minn żmien għal żmien, jintalab jipprovdi dettalji personali tal-membri lill-Manchester United Football Club. Id-data tinġabar, tiġi pproċessata u trasferita skont ir-Regolamenti dwar il-Protezzjoni tad-Data.

KAP VIII – AWDITURI

  1. Il-Kumitat għandu d-dritt jaħtar Awditur jew Awdituri privati li, wara, għandhom jiġu approvati mill-membri preżenti fil-Laqgħa Ġenerali Annwali.
  2. L-Awditur jew Awdituri għandhom id-dmir li jivverifikaw il-kotba u r-riċevuti kollha tat-Teżorier.
  3. L-Awditur jew Awdituri għandhom jippreżentaw rapport lill-Kumitat li mbagħad irid jinqara u jiġi approvat mill-membri preżenti fil-Laqgħa Ġenerali Annwali.

KAP IX – LAQGĦA ĠENERALI ANNWALI (LĠA)

  1. L-ogħla awtorità tal-Klabb tkun il-LĠA li tinżamm matul ix-xahar ta’ Lulju ta’ kull sena sakemm ma jkunx hemm ċirkostanzi straordinarji li ma jippermettux dan. F’tali sitwazzjoni, il-Kumitat għandu sa mhux inqas minn 5 ġimgħat qabel l-aħħar ta’ Lulju, javża lill-membri bil-miktub bir-raġunijiet li wasslu biex ma ssirx il-LĠA., liema LĠA. trid issir sa’ l-aħħar ta’ Settembru. Għal din il-Laqgħa jistgħu jattendu l-membri li jkunu ħallsu l-menswalità fl-istaġun ta’ qabel l-LĠA. u jivvutaw fl-elezzjoni, jekk tkun ġejja elezzjoni. Membri fil-kategoriji tat-tfal, żgħażagħ u Internazzjonali jistgħu jattendu bħala osservaturi.
  2. Meta jkun wasal iż-żmien għal-LĠA, il-Kumitat għandu jgħarraf lill-membri b’ċirkulari li trid tintbagħat bil-posta jew b’mod elettroniku fejn disponibbli ħames (5) ġimgħat qabel id-data ta’ din il-Laqgħa.
  3. L-aġenda tal-LĠA, flimkien mal-proposti u emendi li jkollhom x’jaqsmu mal-Istatut u r-Regolamenti, għandhom jintbagħtu lill-membri kollha li jkollhom id-dritt jattendu, bil-posta jew b’mod elettroniku fejn disponibbli ġimagħtejn (2) qabel il-jum li jkun intgħażel għal-laqgħa.
  4. Mozzjonijiet u ħwejjeġ oħra simili jridu jitwasslu bil-miktub lis-Segretarju minn membru/i tal-Klabb li jkun/u ħallsu l-menswalità sa tliet (3) ġimgħat qabel il-LĠA.
  5. Emendi jew Addizzjonijiet għall-Istatut u r-Regolamenti tal-Klabb iridu jiġu approvati minn maġġoranza ta’ żewġ terzi (2/3) tal-membri preżenti għal-Laqgħa Ġenerali Annwali jew għal-Laqgħa Ġenerali Straordinarja qabel jidħlu fis-seħħ. Proposti ġodda jew diskussjonijiet oħra jistgħu jiġu approvati b’maġġoranza sempliċi. Proposti għas-sospensjoni tar-regolamenti jridu jgħaddu b’maġġoranza ta’ żewġ terzi (2/3) tal-membri preżenti għal-LĠA jew għal-Laqgħa Ġenerali Straordinarja qabel jidħlu fis-seħħ. Astensjonijiet ma jingħadux bħala voti la favur u lanqas kontra.
  6. Kull kandidat propost għall-elezzjoni jrid ikun ilu msieħeb fil-Klabb għall-aħħar sentejn konsekuttivi; ikun minn 16-il sena ’l fuq u jrid ikun ukoll diġà ħallas il-menswalità għas-sena proposta tal-elezzjoni.
  7. Kull membru li kien imkeċċi mill-Klabb u reġa’ ddaħħal ma jkunx jista’ jersaq għall-Kumitat qabel ma jgħaddu ħames (5) snin minn meta l-membru jkun reġa’ ġie aċċettat lura fil-Klabb.
  8. Kull nomina għandha tkun iffirmata minn membru proponent u ieħor sekondant flimkien mal-firma tal-kandidat propost li huwa jaċċetta n-nomina. In-nomina trid tasal sa’ tliet (3) ġimgħat qabel id-data tal-LĠA.
  9. Il-Kumitat ma jistax jaċċetta l-ebda nomina ta’ kandidat li jkun membru f’kumitat politiku.
  10. Il-Kumitat għandu l-jedd li ma jilqax nomina ta’ kandidat li l-kondotta tiegħu privata hija mtebbgħa jew jista’ jkun ta’ ħsara għall-Klabb. Fil-każ li dan il-fatt jiġi kkonfermat mill-Kumitat wara l-ħatra, il-kandidat maħtur jispiċċa minn membru tal-Kumitat.
  11. Jekk xi kandidat għall-elezzjoni, wara li ismu jkun tniżżel fil-lista, ikun jixtieq li jiġi mħassar, irid minnufih jgħarraf lill-Kumitat bil-miktub sa’ mhux aktar tard minn ġimgħa (1) qabel id-data tal-elezzjoni.
  12. Il-Kumitat għandu l-jedd li jitlob lill-kandidat/i propost/i kull xorta ta’ dokument ta’ identifikazzjoni li jidhirlu li hu meħtieġ.
  13. Matul kull proċess biex jiġi elett Kumitat ġdid, irid ikun hemm lista ta’ l-ismijiet tal-kandidati kollha li jkunu qed jikkontestaw l-elezzjoni flimkien ma’ ritratt tagħhom Passport Size. Din il-lista trid tkun tidher f’kull “voting booth” sa’ l-aħħar tal-proċess tal-votazzjoni. Kull kandidat għandu jippreżenta ritratt Passport size biex jintuża matul l-elezzjoni.
  14. Il-Laqgħa Ġenerali Annwali taħtar erba’ (4) membri li jkunu ħallsu l-menswalità, ikunu ta’ sittax-il (16) sena jew iżjed u minn fost dawk preżenti għall-istess laqgħa, tlieta (3) biex iservu bħala kummissjonarji fl-elezzjoni tal-Kumitat u wieħed (1) bħala riżerva. Il-Kandidati tal-elezzjoni ma jistgħux iservu f’din il-kariga.
  15. Il-Laqgħat Ġenerali kollha jsiru taħt il-Presidenza tal-President jew tad-Deputat tiegħu kif inhu provdut f’Kap Nru. 5.
  16. Dawn il-punti (Aġenda) jiġu diskussi fil-Laqgħa Ġenerali Annwali:
  • Qari u approvazzjoni tal-minuti tal-Laqgħa Ġenerali Annwali tas-sena ta’ qabel, u l-minuti ta’ xi Laqgħa Ġenerali Straordinarja li tkun saret f’dik is-sena;
  • Indirizz mill-President;
  • Preżentazzjoni tal-kontijiet awditjati mill-awditur u tar-rapport finanzjarju mit-Teżorier;
  • Ħatra jew konferma ta’ Awditur/i kwalifikat/i għas-sena ta’ wara;
  • Ħatra jew konferma ta’ Patruni, Presidenti Onorarji u Membri Onorarji;
  • Elezzjoni ta’ erba’ (4) membri biex joqogħdu fil-Kummissjoni li tmexxi l-elezzjoni tal-Kumitat (fis-sena li jkun imissha elezzjoni);
  • Proposti u/jew Emendi għall-Istatut u r-Regolamenti;
  • Kwistjonijiet oħra.
  1. Il-Kummissjoni Elettorali għandha d-dmir li żżomm lista tal-membri li għandhom id-dritt jivvutaw u fuqha jniżżlu sinjali ħdejn kull min ivvota.
  2. Immedjatament wara li tispiċċa l-Laqgħa Ġenerali Annwali tibda l-votazzjoni u tibqa’ sejra sakemm ikun ivvota kulħadd preżenti. Il-proċess tal-voti jkompli matul l-ewwel Ħadd wara l-Laqgħa Ġenerali Annwali mill-għaxra ta’ filgħodu (10:00) sa nofsinnhar (12:00). L-għadd tal-voti jsir dakinnhar stess wara li jkun intefa’ l-aħħar vot.
  3. Jekk wara l-għadd tal-voti jirriżulta li jkun hemm tnejn (2) jew aktar kandidati li ġabu l-istess għadd ta’ voti biex jimtlew l-aħħar postijiet, il-Kummissjoni Elettorali hija obbligata li żżomm elezzjoni oħra għal dawn il-kandidati sa mhux aktar tard minn ħmistax-il (15) ġurnata mid-data tal-elezzjoni li tkun saret.
  4. Kif jitlesta l-għadd tal-voti, ir-riżultati tal-elezzjoni għandhom jiġu kkomunikati lill-membri b’mezzi elettroniċi u, jekk ma jkunux disponibbli, permezz ta’ ċirkulari. Kopja tar-riżultat u l-karti tal-voti għandhom jinżammu mis-Segretarju sa sentejn (2) wara l-elezzjoni.
  5. Il-Kumitat għandu dmir isejjaħ Laqgħa Ġenerali Straordinarja jekk ikun mitlub biex jagħmel hekk minn mhux inqas minn għaxra fil-mija (10%) tal-membri mħallsa. Trid tingħata raġuni bil-miktub għal din il-laqgħa, li trid issir mhux aktar tard minn tmien (8) ġimgħat wara li ssir din it-talba.
  6. Il-Kumitat jista’ jsejjaħ Laqgħa Ġenerali Straordinarja meta jidhirlu li jkun hemm il-bżonn.
  7. Il-‘quorum’ fil-Laqgħat Ġenerali kollha ma għandux ikun anqas minn għaxra fil-mija (10%) tan-numru totali tal-membri tal-Klabb fiż-żmien li tissejjaħ il-Laqgħa. Jekk fil-ħin iffissat ma jkunx preżenti dan in-numru, il-laqgħa tinżamm kwarta (15-il minuta) wara bil-membri li jkun hemm.
  8. Ir-Rapport tas-Segretarju ma jibqax jintbagħat lil kull membru iżda għandu jkun prodott fir-rivista tagħna ‘Echoes from Old Trafford’, xahar b’xahar, taħt l-artiklu Club News.

KAP X – REGOLAMENTI ĠENERALI

  1. Ma tista’ ssir l-ebda lotterija, ġabra ta’ flus jew ta’ firem għal xi petizzjoni bl-eċċezzjoni ta’ petizzjoni biex issir Laqgħa Ġenerali Straordinarja mingħajr il-permess tal-Kumitat.
  2. Kull ittra anonima inġurjuża kontra xi membru tal-Klabb għandha tintwera lill-President u dan jiddeċiedi x’passi għandhom jittieħdu.
  3. Kull min japplika jew jieħu t-tmexxija tal-Bar tal-Klabb tagħna ma jistax ikun membru fil-Kumitat. Jekk xi membru tal-Kumitat jitfa’ t-tender, għandu jirriżenja mill-Kumitat qabel. F’każ li ma jiħux it-tender, ikun jista’ jerġa’ jiġi aċċettat lura fil-Kumitat.
  4. Kull min mhuwiex membru jrid iħallas ‘donazzjoni għad-dħul’ meta jkun dieħel sabiex jara logħba fil-Klabb tagħna.