MANCHESTER UNITED  SUPPORTERS’ CLUB MALTA

MISRAĦ IL-BARRIERI,

 MSIDA MSD 1101

STATUT

U

REGOLAMENTI

RIVEDUT APRIL 1997

RIVEDUT LULJU 1999

RIVEDUT ĠUNJU 2000

RIVEDUT ĠUNJU 2002

RIVEDUT ĠUNJU 2003

RIVEDUT ĠUNJU 2009

RIVEDUT LULJU 2011

RIVEDUT LULJU 2012

RIVEDUT LULJU 2013

RIVEDUT LULJU 2014

RIVEDUT FRAR 2015

RIVEDUT LULJU 2015

RIVEDUT LULJU 2016

RIVEDUT F’ LULJU 2019

RIVEDUT F’ SETTEMBRU 2021

RIVEDUT F’ LULJU 2022

RIVEDUT F’ LULJU 2023

RIVEDUT F’ SETTEMBRU 2024

 

 

 (ADDIZZJONIJIET SKONT L-AĦĦAR REVIŻJONI QEGĦDIN B’TIPA SKURA)

 (IL-VERŻJONI MALTIJA HIJA L-VERŻJONI UFFIĊJALI)

KAP I

  1. L-isem tal-Klabb ikun magħruf uffiċjalment bħala: Manchester United Supporters’ Club, Malta.
  2. L-indirizz postali tal-Klabb ikun skont il-lokalità li fiha jinsab il-Klabb.
  3. L-Arma tal-Klabb għandha tkun skont ma tidher fuq il-faċċata tal-Istatut (copyright 22172 tad-29 ta’ Ottubru 1993).
  4. L-għan prinċipali tal-Klabb ikun biex ikabbar l-isem tal-Manchester United Football Club, u biex jinkoraġġixxi aktar support għat-tim fil-Gżejjer Maltin u barra.
  5. Ħadd ma jista’ jitlob li l-Klabb jiġi xolt sakemm ikun hemm numru ta’ mitt (100) membru li ħallsu l-miżata.
  6. Kliem jew argumenti politiċi (lokali/barranin) ma jistgħux isiru ġewwa l-bini tal-Klabb.
  7. L-ilsien Malti huwa l-lingwa uffiċjali tal-Klabb, iżda l-ilsien Malti u Ingliż huma ż-żewġ lingwi li jintużaw mill-Klabb f’ korrispondenzi u rivisti.
  8. F’każ ta’ ċirkulari li se tintbagħat f’Malta, din għandha tkun bil-Malti jew bl-Ingliż u jekk tkun se tintbagħat barra wkoll, għandha tkun bl-Ingliż.
  9. Il-ġranet u l-ħinijiet tal-ftuħ tal-Klabb jiġu ffissati mill-Kumitat Eżekuttiv. Il-Kumitat Eżekuttiv huwa marbut li jiftaħ il-Klabb almenu darbtejn (2) fil-ġimgħa. Dan ma jorbotx ġranet u ħinijiet tal-Bar.
  10. It- Teżorier huwa marbut li jżomm inventarju tal-proprjetà tal-Klabb. Kopja tal-inventarju trid tinżamm mis-Segretarju u kopja oħra mit- Teżorier. Kull membru jista’ jitlob li jara l-inventarju meta jħoss il-ħtieġa. Talba bil-miktub trid tintbagħat lill-Kumitat Eżekuttiv u sa żmien xahar trid tingħata risposta. L-inventarju jrid jiġi aġġornat kull sena li jkun imiss elezzjoni għall-Kumitat Eżekuttiv ġdid.
  11. L-ebda proprjeta’ tal-Klabb ma tista’ tintuża ġewwa jew barra mill-bini mingħajr il-permess tal-Kumitat Eżekuttiv.
  12. Ma tista’ tingħata jew tissellef l-ebda propjetà mill-inventarju mingħajr il-permess tal-Kumitat Eżekuttiv.
  13. F’każ li l-Klabb jiġi xolt, il-proprjetà kollha li tkun inkluża fl-inventarju dakinnhar tax-xoljiment għandha titqiegħed fill-pussess ta’ kuratur, li jintgħażel fil-Laqgħa Ġenerali Straordinarja, li jintrabat li jagħti l-affarijiet kollha lura fil-każ li l-Klabb jerġa’ jitwaqqaf. Jekk jinstab li hemm xi dejn, dan għandu jitħallas mill-bejgħ tal-assi f’idejn l-istess kuratur.
  14. Jekk sa sitt (6) xhur mix-xoljiment tal-Klabb dan ikun għadu ma twaqqafx, l-affarijiet imsemmija f’artiklu 13 għandhom jinbiegħu f’irkant u l-flus miġbura jitqassmu bejn il-membri li kienu regolari fis-sħubija għall-aħħar ħames (5) snin konsekuttivi mid-data tax-xoljiment lura.
  15. Il-Klabb għandu jaħtar u jistabbilixxi konsulent legali biex jassisti lill-Kumitat fil-kwistjonijiet legali kollha

KAP II – Sħubija fil-Klabb

  1. L-applikazzjoni, fuq formola uffiċjali, għas-sħubija fil-Klabb għandha tkun miftuħa għal ċittadini u/jew residenti tal-Gżejjer Maltin u/jew nies li joqogħdu barra minn Malta.
  2. Il-Kumitat Eżekuttiv għandu l-jedd jaċċetta jew jiċħad kull applikazzjoni li jirċievi. Kull membru tal-Kumitat Eżekuttiv għandu l-jedd li jitlob votazzjoni sigrieta għal kull applikazzjoni li titressaq quddiem il-Kumitat Eżekuttiv. Fil-każ li l-Kumitat Eżekuttiv jiċħad applikazzjoni, ma jkunx marbut li jagħti raġuni għaliex.
  3. Jekk il-Kumitat Eżekuttiv jiċħad l-applikazzjoni, l-applikant ma jistax jerġa’ japplika qabel ma tgħaddi sena.
  4. Meta applikant jiġi aċċettat bħala membru tal-Klabb, dan/din ikun/tkun marbut/a bl-Istatut u r-Regolamenti tal-Klabb, kif ukoll minn xi deċiżjonijiet u direttivi li mhumiex kontemplati fl-Istatut. Kull membru jista’ jiġi mneħħi għal raġunijiet dixxiplinarji b’deċiżjoni tal-Kumitat Eżekuttiv.
  5. Meta jkun hemm proposta għal żieda fil-miżata lokali din trid tiġi deciza waqt Laqgħa Ġenerali Straordinarja li trid tissejjaħ matul ix-xhur ta’ Frar jew Marzu fuq proposta tal-Kumitat Eżekuttiv. Is-sena ta’ sħubija tibda mill-1 ta’ Ġunju u tagħlaq fil-31 ta’ Mejju tas-sena ta’ wara. Il-membri għandhom sal-aħħar tas-sena tas-sħubija biex iġeddu il-menswalità.
  6. Ir-rata tal-menswalità għal min joqgħod barra minn Malta tiġi kkalkulata skont il-pajjiż fejn joqgħod il-membru. Ir-rata hija fid-diskrezzjoni tas-Segretarju tal-Menswalità u bbażata fuq l-ammont tal-pustaġġ tal-pajjiż konċernat.
  7. Kulħadd, inkluż il-membri tal-Kumitat Eżekuttiv, huwa marbut li jħallas l-menswalità kollha ħlief għall-Presidenti Onorarji, Membri Onorarji u xi membri li l-Kumitat Eżekuttiv jidhirlu li l-menswalità tagħhom tkun kumplimentarja.
  8. Il-menswalità għandha tinqasam f’dawn il-kategoriji:

I. Sħubija ta’ tfal (0 – 12-il sena)

II. Sħubija taż-Żgħażagħ(13 – 15-il sena)

III. Sħubija tal-adulti (16 – 65 sena)

IV. Sħubija tal-anzjani (66 sena ‘il fuq)

V. Sħubija għal għomor il-membru

VI. Sħubija ta’ familja (2 adulti w tfal taħt il-ħmistax-il sena)

VII. Sħubija minn pajjiżi barranin

VIII. Sħubija Internazzjonali

  1. Is-sħubija Internazzjonali tal-klabb isservi biex tirrapprezenta l-istatus ta’ membru tal-klabb fil-pajjizi barranin mingħajr id-dritt li titlob xi haga jew li tieħu vantaġġ li jinsab fl-istatut tal-klabb.

KAP III – Tmexxija tal-Kumitat Eżekuttiv

  1. Il-Klabb ikun immexxi minn Kumitat Eżekuttiv li jiġi elett f’Laqgħa Ġenerali Annwali.
  2. Il-Kumitat Eżekuttiv ikun magħmul minn dawn il-ħatriet:

I. President

II. Viċi President

III. Segretarju

IV. Assistent Segretarju

V. Teżorier

VI. Assistent Teżorier

VII. Segretarju tal- Membri (membership)

VIII. Ko-Ordinatur tal- Midja u Pubblikazzjoni

IX. Maniġer tal- Ħanut tas-Souvenirs

X. Eżekuttiv għar- Reklamar

XI. Maniġer tat-Teknoloġija u l-Komunikazzjoni

L-irwoli prinċipali tal-Kumitat (President, Viċi-President, Segretarju, Viċi-Segretarju, Teżorier u Assistent Teżorier) huma rwoli mandatorji, filwaqt li l-ħames irwoli l-oħra jistgħu jiġu attribwiti skont l-esiġenzi tal-Kumitat.

  1. Il-Kumitat Eżekuttiv ikollu l-jedd għat-tmexxija tal-Klabb għal żmien ta’ mhux aktar minn sentejn mid-data tal-ħatra.
  2. Il-Kumitat Eżekuttiv għandu jiltaqa’ għall-inqas darba fix-xahar. Il-‘quorum’ għal kull laqgħa jkun ta’ nofs il-membri u wieħed.
  3. Il-laqgħat tal-Kumitat Eżekuttiv jiġu mmexxija mill-President, jew, fl-assenza tiegħu, mill-Viċi-President. Jekk l-ebda wieħed minnhom ma jkun preżenti, irid jinħatar wieħed mill-membri preżenti biex imexxi l-laqgħa.
  4. Jekk matul is-sentejn tinqala’ xi vakanza fil-Kumitat Eżekuttiv, din għandha timtela minn dak il-membru li wara l-membri eletti jkun ġab l-ogħla numru ta’ voti fl-aħħar elezzjoni tal-Kumitat Eżekuttiv.
  5. Jekk ikun hemm xi membri li kkontestaw l-elezzjoni, jiġu eletti u ma jaċċettawx, jew ma jkunx hemm aktar minn disa’ (9) membri li ħarġu għall-elezzjoni, il-Kumitat Eżekuttiv għandu d-dritt li jaħtar lil min irid, basta jkun membru tal-Klabb.
  6. Jekk f’laqgħa tal-Kumitat Eżekuttiv tkun qiegħda tiġi diskussa xi ħaġa li għandha konnessjoni ma’ xi membru tal-Kumitat Eżekuttiv, dan il-membru għandu jħalli l-kamra.
  7. Jekk membru tal-Kumitat Eżekuttiv jonqos li jattendi tliet (3) seduti tal-Kumitat Eżekuttiv konsekuttivi mingħajr raġuni valida, dan jiġi sospiż. Fiż-żmien tas-sospensjoni l-membru għandu d-dritt li jagħti raġuni għan-nuqqas tiegħu. Jekk f’dan iż-żmien stipulat ma jagħtix raġuni, jiġi awtomatikament imneħħi mill-Kumitat Eżekuttiv.
  8. Is-Segretarju għandu jissottometti għall-approvazzjoni l-minuti tal-laqgħa ta’ qabel fil-laqgħa li jmiss. Dawn il-minuti jridu jiġu ffirmati mill-President u mis-Segretarju wara li jkunu nstabu li huma korretti.
  9. Il-Kumitat Eżekuttiv m’għandu l-ebda dritt/jedd jissellef jew jislef, ebda flus f’isem il-Klabb, u jekk jinqala’ l-bżonn irid jitlob l-approvazzjoni waqt Laqgħa Ġenerali.
  10. Kull membru tal-Kumitat Eżekuttiv huwa marbut li meta jispiċċa mill-kariga ma jikxef xejn minn dak li jkun intqal fil-laqgħat tal-Kumitat Eżekuttiv fiż-żmien li hu kien jifforma parti mill-Kumitat Eżekuttiv. Jekk l-eks membru tal-Kumitat Eżekuttiv jinqabad li għamel hekk, jista’ jitkeċċa minn membru tal-Klabb. Il-Kumitat Eżekuttiv iżomm id-dritt li jieħu l-passi neċessarji fuq il-membri kollha u eks membri.
  11. Kull membru tal-Kumitat Eżekuttiv li jirriżenja, jitneħħa jew jispiċċa mill-Kumitat Eżekuttiv, għandu jirritorna fi żmien għaxart (10) ijiem kull proprjetà tal-Klabb li tkun tinsab fil-pussess tiegħu. Matul dan iż-żmien għandu wkoll jagħti rendikont li jkun konness mal-kariga tiegħu fill-Kumitat Eżekuttiv.
  12. Kull deċiżjoni tal-Kumitat Eżekuttiv għandha tittieħed b’maġġoranza sempliċi ta’ voti. Kull membru tal-Kumitat Eżekuttiv għandu jkollu d-dritt jitlob għal vot sigriet.
  13. Il-Kumitat Eżekuttiv jista’ japponta persuna, fuq bażi ‘part time’, sabiex tgħin f’xogħol amministrattiv. Il-ħlas għal dan ix-xogħol ikun relatat ma’ kemm sigħat jitħaddmu u l-ħinijiet ikunu ddettati mill-Kumitat Eżekuttiv.
  14. Fl-eventwalità li wara li Membru tal-Kumitat Eżekuttiv jirriżenja, jitneħħa u/jew jieqaf milli jifforma parti mill-Kumitat Eżekuttiv, u jkun imiss tnejn jew iktar kandidati li jkunu ġabu l-istess numru ta’ voti fl-aħħar elezzjoni, allura elezzjoni bejn il-kandidati eliġibbli trid issir sa mhux aktar tard minn xahar minn meta l-post fil-Kumitat Eżekuttiv ikun ġie vakant.

KAP IV – Membri Onorarji

  1. Il-Kumitat għandu d-dritt li jinnomina Patruni, li jkunu jew kienu uffiċjali ta’ M.U.F.C., Presidenti Onorarji, li jkunu servew għal tal-inqas sena bħala Presidenti tal-Klabb, u Membri Onorarji tal-Klabb, li fil-fehma tal-membri jkunu servew ta’ xi ġid partikolari għall-Klabb. In-nomini jridu jiġu approvati fil-Laqgħa Ġenerali Annwali. Dawn il-ħatriet iridu jiġu approvati/mġedda kull sena fil-Laqgħa Ġenerali Annwali jekk in-nomina ma tkunx għal għomor il-membru.
  2. Jekk xi President Onorarju jew Membru jiddeċiedi li joħroġ għall-elezzjoni tal-Kumitat Eżekuttiv, l-ewwel għandu jirreżenja minn President jew Membru Onorarju. Jekk il-Membru ma jiġix elett, il-Membru jista jerġa’ jiġi maħtur bl-istatus Onorarju li kellu jekk ikun approvat fil- Laqgħa Ġenerali.

KAP V – Dmirijiet ta’ l-Uffiċjali u l-Assistenti tagħhom

  1. Il-President huwa l-ogħla amministratur tal-Klabb u huwa, jew rappreżentant tiegħu approvat mill-KumitatEżekuttiv, għandu l-jedd li jidher f’kull okkażjoni f’isem il-Klabb, inklużi r-rappreżentanza legali u ġudizzjarja. Li jinkludi rappreżentazzjoni legali u ġudizzjarja.
  2. Huwa għandu d-dmir li jsejjaħ, permezz tas-Segretarju, il-laqgħat kollha tal-Kumitat Eżekuttiv u l-Laqgħat Ġenerali. L-ebda laqgħa ma tista’ ssir mingħajr l-approvazzjoni tiegħu, jew ta’ terz mill-membri tal-Kumitat Eżekuttiv.
  3. Barra l-vot ordinarju, il-President ikollu dritt għal casting vote f’każ li l-voti jiġu ndaqs.
  4. Il-Viċi-President huwa fid-dmir li jieħu r-responsabbiltajiet kollha tal-President kull meta dan, għal xi raġuni serja, ma jkunx jista’ jaqdi dmirijietu.
  5. Is-Segretarju tal-Klabb ikun responsabbli għall-korrispondenza kollha, kif ukoll għall-organiżżazjoni ġenerali u, flimkien mal-President, għat-tmexxija tal-Klabb. Huwa jrid ikun responsabbli kemm li jinżammu l-minuti kollha, kif ukoll ta’ dak kollu li qiegħed isir fil-Klabb. Is-Segretarju jew l-Assistent Segretarju bħala tali, ikun membru ex ufficiofis-sotto kumitati kollha.
  6. L-Assistent Segretarju huwa fid-dmir li jgħin lis-Segretarju fix-xogħol tiegħu u f’dak kollu li jkun meħtieġ isir fl-assenza tas-Segretarju.
  7. It-Teżorier ikun responsabbli għall-finanzi tal-Klabb. Huwa għandu jżomm rekords tat-transazzjonijiet finanzjarji kollha tal-Klabb fil-kotba tal-kontijiet rispettivi tagħhom u jħejji u jippreżenta rapport tal-kontijiet kollha lill-Kumitat Eżekuttiv fil-laqgħat ta’ kull xahar meta jiġi mitlub mill-Kumitat Eżekuttiv. Dawn ir-rapporti għandhom jiġu mqiegħda għall-approvazzjoni tal-Kumitat Eżekuttiv u ffirmati mill-President u t-Teżorier, wara li jinstabu li huma korretti, qabel ma jiġu ppreżentati għal-Laqgħa Ġenerali Annwali.
  8. Huwa dmir tat-Teżorier li ma jżommx f’idejh aktar minn elf ewro (€1000). Il-bqija tal-flus għandu jqgħedhom f’Banek magħżula mill-Kumitat Eżekuttiv. F’każ ta’ żbank jew ħlasijiet b’ċekk, huma meħtieġa l-firem tat-Teżorier u tal-President jew tas-Segretarju.
  9. Il-Kotba għandhom jinżammu fuq sistema approvata mill-awdituri tal-Klabb.
  10. It-Teżorier għandu jżomm ukoll kotba separati li juru d-dħul u l-ħruġ ta’ flus li jsiru fil-:
  • Bar, meta dan ikun immexxi mill-Kumitat Eżekuttiv;
  • Souvenir Shop
  1. It-Teżorier ma jista’ jagħmel l-ebda nefqa ta’ iżjed minn ħamest elef ewro (€5,000) mingħajr il-permess tal-KumitatEżekuttiv. F’każ ta’ emerġenza l-President jista’ jawtorizza n-nefqa sa għaxart elef ewro (€10,000), iżda ż-żewġ uffiċjali huma marbuta li jinfurmaw b’dan lill-membri tal-Kumitat Eżekuttiv fl-ewwel laqgħa tal-Kumitat Eżekuttiv li jkun imiss.
  2. F’każ ta’ suspett ta’ serq jew misapproprjazzjoni tal-fondi tal-Klabb, għandha tiġi maħtura Kummissjoni mill-Kumitat Eżekuttiv magħmula mill-Awdituri u persuni oħra li m’għandhom l-ebda konnessjoni mal-Klabb, biex tinvestiga l-każ.
  3. It-Teżorier huwa fid-dmir li jagħti rendikont, iffirmat mill-Awdituri, biex jiġi approvat mill-Kumitat Eżekuttiv u mil-Laqgħa Ġenerali Annwali. Dan ir-rendikont għandu jiġi mqabbel ma’ dak tas-sena ta’ qabel.
  4. It-Teżorier ikun ukoll membru ‘ex ufficio’ tas-Sotto Kumitati kollha li jkollhom x’jaqsmu ma’ finanzi.
  5. L-Assistent Teżorier huwa fid-dmir li jgħin lit-Teżorier u meta dan ma jkunx jista’ jadqi dmirijietu, jieħu r-responsabbiltajiet kollha tat-Teżorier skont l-Artikli 7 sa 14.
  6. Is-Segretarju responsabbli għall-menswalità huwa fid-dmir li jiġbor il-menswalita’, iżomm rekords ta’ kull membru fil-Klabb, u jfakkar lill-membri dwar il-ħlas tal-menswalità. Huwa għandu d-dmir li jlesti l-indirizzi kollha ta’ kull rivista li l-Klabb ikun imissu joħroġ.
  7. Il-Ko-Ordinatur tal-Midja u Pubblikazzjoni huwa responsabbli għall-isforzi kollha ta’ ko-ordinazzjoni ma’ partijiet terzi esterni, kontributuri u eżekuttivi tar-reklamar biex jiżguraw il-kwalità u l-puntwalità tal-midja ppubblikata.
  8. Il-Maniġer tas-Souvenir Shop huwa responsabbli għall-bejgħ ta’ souvenirs, kemm dirett mill-Klabb jew minn xi lokalità jew sors li jkun deċiż mill-Kumitat Eżekuttiv. Il-Maniġer tas-Souvenir Shop għandu responsabbiltà wkoll li jixtri l-istokk, waqt li jżomm lista tal-istokk dettaljata u jżomm ir-rekords tal-kontijiet.
  9. Il-Maniġer tas-Souvenir Shop jista’ jżomm f’idejh, bħala cash flow is-somma ta’ mitejn ewro (€200).
  10. L-Eżekuttiv tar-Reklamar huwa responsabbli għar-reklami li jidhru fuq il-midja tal-Klabb.
  11. Il-Maniġer tat-Teknoloġija u l-Kommunikazzjoni (ICT) huwa responsabbli mill-istrateġija għall-informazzjoni teknoloġika tal-Klabb u dak kollu li għandu x’jaqsam ma’ Teknoloġija u Kommunikazzjoni tal-Klabb.
  12. Il-Kumitat Eżekuttiv jista’ minn żmien għal ieħor jaħtar minn fost il-membri li jkunu ħallsu l-menswalità, Editur biex iservi fuq xi pubblikazzjoni tal-Klabb.
  13. Il-Kumitat Eżekuttiv biss għandu d-dritt li jaħtar rappreżentant biex jitkellem f’isem il-Klabb fejn meħtieġ. Il-Kumitat Eżekuttiv jista’ jsejjaħ lil dan/dawn ir-rappreżentant/i jew konsulent/i biex jattendi/u seduti tal-Kumitat Eżekuttiv bħala osservatur/i mingħajr dritt ta’ vot.
  14. Meta tingħata xi prokura f’isem il-Klabb tagħna (i) din għandha tkun għall-ammont u terminu speċifiku u limitat; (ii) jiffirmaw għaliha l-President u s-Segretarju jew it-Teżorier; (iii) trid tiġi approvata unanimament u b’vot sigrietmill-Kumitat Eżekuttiv.
  15. Il-Membru fil-Kumitat Eżekuttiv għandu d-dmir li jgħin lil kull membru ieħor fil-Kumitat Eżekuttiv skont l-esiġenza u l-bżonn.

KAP VI – Sotto-Kumitati

  1. Il-Kumitat Eżekuttiv għandu l-jedd jaħtar sotto-kumitati biex jgħinu fit-tmexxija tal-Klabb. Dawn is-sotto-kumitati jistgħu jagħmlu biss rakkomandazzjonijiet lill-Kumitat Eżekuttiv għall-approvazzjoni tiegħu.

KAP VII – Poteri tal-Kumitat Eżekuttiv

  1. Il-Kumitat Eżekuttiv jeżerċita l-amministrazzjoni (tmexxija) u l-poteri mogħtija lilu mill-Istatut u r-Regolamenti. Il-Kumitat Eżekuttiv għandu d-dritt jinterpreta r-regolamenti tal-Istatut. Din l-interpretazzjoni tista’ tinbidel biss f’Laqgħa Ġenerali Annwali jew Straordinarja.
  2. Kull membru li juża l-Klabb għall-gwadann personali jew finanzjarju jiġi sospiż sakemm jittieħdu passi dixxiplinarji kontrih. Dan/Din j/tista’ j/tiġi mkeċċi/ja mill-Klabb.
  3. Il-Kumitat elett u maħtur matul il-Laqgħa Ġenerali Annwali biex imexxi il-Klabb għandu d-dritt biex jinvestiga, jirrapporta u jaġixxi kif jidhirlu xieraq, dwar l-imġieba tal-membri tiegħu jew kwalunkwe persuna oħra, preżenti fi kwalunkwe ħin fil-bini tal-Klabb. F’tali rigward il-Kumitat għandu d-dritt li jeżerċita l-awtorita’ tiegħu taħt l-istatut tal-Klabb biex irażżan u jagħti ordnijiet diretti fuq il-membri tiegħu preżenti fil-bini tal-Klabb. Il-Kumitat għandu d-dritt ta’ kontroll sħiħ fuq il-post fejn il-membri jiltaqgħu. Għalhekk il-Kumitat għandu l-poter li jiddetermina u jsolvi kwistjonijiet jew tilwim kif jidhirlu xieraq, kompetenti u idonju li jinkludu iżda mhux limitatament is-sospensjoni jew it-tkeċċija ta’ membri jew persuni oħra mill-bini tal-Klabb għall-perjodu determinat jew mhux determinat ta’ żmien.

KAP VIII – Awdituri

  1. Il-Kumitat Eżekuttiv għandu d-dritt li jagħżel Awditur/i privat/i, li wara jrid/u jiġi/u approvat/i mill-membri preżenti fil-Laqgħa Ġenerali Annwali.
  2. L-Awditur/i għandu/hom id-dmir li jistħarreġ/jistħarrġu l-kotba kollha u l-irċevuti tat- Teżorier.
  3. L-Awditur/i huwa/huma fid-dmir li jippreżenta/w rapport lill-Kumitat Eżekuttiv li wara jrid jiġi moqri u approvat mill-membri preżenti fil-Laqgħa Ġenerali Annwali.

KAP IX – Laqgħa Ġenerali Annwali

  1. L-ogħla awtorità tal-Klabb tkun il-Laqgħa Ġenerali Annwali li tinżamm matul ix-xahar ta’ Lulju ta’ kull sena sakemm ma jkunx hemm ċirkostanzi straordinarji li ma jippermettux dan. F’tali sitwazzjoni, il-Kumitat għandu sa mhux inqas minn 5 ġimgħat qabel l-aħħar ta’ Lulju, javża lill-membri bil-miktub bir-raġuni li wasslu biex ma ssirx il-L.Ġ.A., liema L.Ġ.A. trid issir sa’ l-aħħar ta’ Settembru. Għal din il-Laqgħa jistgħu jattendu l-membri li jkunu ħallsu l-menswalità fl-istaġun ta ’qabel l-A.G.M. u jivvota fl-elezzjoni, jekk tkun ġejja elezzjoni. Membri taħt is-sittax-il (16) sena jistgħu jattendu bħala osservaturi.
  2. Meta jkun wasal iż-żmien għal-Laqgħa Ġenerali Annwali, il-Kumitat Eżekuttiv għandu jgħarraf lill-membri b’ċirkulari li trid tintbagħat ħames (5) ġimgħat qabel id-data ta’ din il-Laqgħa.
  3. L-aġenda tal-Laqgħa Ġenerali Annwali, flimkien mal-proposti u emendi li jkollhom x’jaqsmu mal-Istatut u r-Regolamenti, għandhom jintbagħtu lill-membri kollha li jkollhom id-dritt jattendu, ġimagħtejn qabel il-jum li jkun intgħażel għal-laqgħa.
  4. Mozzjonijiet u ħwejjeġ oħra simili jridu jitwasslu bil-miktub lis-Segretarju minn membru/i tal-Klabb li jkun/u ħallsu l-menswalità sa tliet (3) ġimgħat qabel il-Laqgħa Ġenerali Annwali.
  5. Emendi jew Addizzjonijiet għall-Istatut u r-Regolamenti tal-Klabb iridu jigu approvati minn żewġ terzi (2/3) tal-maġġoranza preżenti ghal-Laqgha Ġenerali Annwali u għal-Laqgħa Generali Straordinarja qabel jidħlu fis-seħħ. Proposti ġodda jew diskussjonijiet oħra jistgħu jiġu approvati b’ maġġoranza semplici. Proposti għas-sospensjoni tar-regolamenti jridu jgħaddu biż-żewġ terzi (2/3) għal-Laqgħa Ġenerali Annwali u għal-Laqgħa Ġenerali Straordinarjaqabel jidħlu fis-seħħ. Astensjonijiet ma jingħadux bħala voti kontra.
  6. Kull kandidat propost għall-elezzjoni jrid ikun ilu msieħeb fil-Klabb għall-aħħar sentejn konsekuttivi; ikun minn 16-il sena ’l fuq u jrid ikun ukoll diġà ħallas il-menswalità għas-sena proposta tal-elezzjoni.
  7. Kull membru li kien imkeċċi mill-Klabb u reġa’ ddaħħal ma jkunx jista’ jersaq għall-Kumitat Eżekuttiv qabel ma jgħaddu ħames (5) snin minn meta l-membru jkun reġa’ ġie aċċettat lura fil-Klabb.
  8. Kull nomina għandha tkun iffirmata minn membru proponent u ieħor sekondant flimkien mal-firma tal-kandidat propost li huwa jaċċetta n-nomina.
  9. Il-Kumitat Eżekuttiv ma jista’ jaċċetta l-ebda nomina ta’ kandidat li jkun membru f’kumitat politiku.
  10. Il-Kumitat Eżekuttiv għandu l-jedd li ma jilqax nomina ta’ kandidat li l-kondotta tiegħu privata hija mtebbgħa jew jista’ jkun ta’ ħsara għall-Klabb. Fil-każ li dan il-fatt jiġi konfermat mill-Kumitat Eżekuttiv wara l-ħatra, il-kandidat maħtur jispiċċa minn membru tal-Kumitat Eżekuttiv.
  11. Jekk xi kandidat għall-elezzjoni, wara li ismu jkun tniżżel fil-lista, ikun jixtieq li jiġi mħassar, irid minnufih jgħarraf lill-Kumitat Eżekuttiv bil-miktub.
  12. Il-Kumitat Eżekuttiv għandu l-jedd li jitlob lill-kandidat/i propost/i kull xorta ta’ dokument ta’ identifikazzjoni li jidhirlu li hu meħtieġ.
  13. Kull kandidat jista’ jippreżenta ritratt tiegħu Passport Size biex jintuża waqt l-elezzjoni.
  14. Il-Laqgħa Ġenerali Annwali taħtar erba’ (4) membri li jkunu ħallsu l-menswalità, ikunu ta’ sittax-il (16) sena jew iżjed u minn fost dawk preżenti għall-istess laqgħa, tlieta (3) biex iservu bħala kummissjonarji fl-elezzjoni tal-Kumitat Eżekuttiv u wieħed (1) bħala riserva. Il-Kandidati tal-elezzjoni ma jistgħux iservu f’din il-kariga.
  15. Il-Laqgħat Ġenerali kollha jsiru taħt il-Presidenza tal-President jew tad-Deputat tiegħu kif inhu provdut f’Kap Nru. 5.
  16. Dawn il-punti (Aġenda) jiġu diskussi fil-Laqgħa Ġenerali Annwali:

I. Qari u approvazzjoni tal-minuti tal-Laqgħa Ġenerali Annwali tas-sena ta’ qabel, u l-minuti ta’ xi Laqgħa Ġenerali Straodinarja li tkun saret f’dik is-sena;

II. Indirizz mill-President;

III. Preżentazzjoni tal-kontijiet awditjati u rendikont finanzjarju tat-Teżorier;

IV. Elezzjoni ta’ erba’ (4) membri biex joqogħdu fil-Kummissjoni li tmexxi l-elezzjoni tal-Kumitat Eżekuttiv;

V. Ħatra jew konferma ta’ Patruni, Presidenti Onorarji u Membri Onorarji;

VI. Ħatra jew konferma ta’ Awditur/i kwalifikat/i għas-sena ta’ wara;

VII. Proposti u/jew Emendi kollha għall-Istatut u r-Regolamenti;

VIII. Kull ħaġa oħra li titqajjem bħala riżultat ta’ dawn il-ħwejjeġ.

  1. Il-Kummissjoni Elettorali għandha d-dmir li żżomm lista tal-membri li għandhom id-dritt jivvutaw u fuqha jniżżlu sinjali ħdejn kull min ivvota.
  2. Immedjatament wara li tispiċċa l-Laqgħa Ġenerali Annwali tibda l-votazzjoni u tibqa’ sejra sakemm ikun ivvota kulħadd preżenti. Il-proċess tal-voti jkompli matul l-ewwel Ħadd wara l-Laqgħa Ġenerali Annwali mill-għaxra ta’ filgħodu (10:00) sa nofsinnhar (12.00). L-għadd tal-voti jsir dakinnhar stess wara li jkun intefa’ l-aħħar vot.
  3. Jekk wara l-għadd tal-voti jirriżulta li jkun hemm tnejn (2) jew aktar kandidati li ġabu l-istess għadd ta’ voti biex jimtlew l-aħħar postijiet, il-Kummissjoni Elettorali hija obbligata li żżomm elezzjoni oħra għal dawn il-kandidati sa mhux aktar tard minn ħmistax-il (15) ġurnata mid-data tal-elezzjoni li tkun saret.
  4. Kif jitlesta l-għadd tal-voti, ir-riżultati tal-elezzjoni għandhom jiġu kkomunikati lill-membri b ’mezzi elettroniċi u, jekk ma jkunux disponibbli, permezz ta’ ċirkolari. Kopja tar-riżultat u l-karti tal-voti għandhom jinżammu mis-Segretarju sa sentejn (2) wara l-elezzjoni.
  5. Il-Kumitat Eżekuttiv għandu dmir isejjaħ Laqgħa Ġenerali Straordinarja jekk ikun mitlub biex jagħmel hekk minn mhux inqas minn għaxra fil-mija (10%) tal-membri mħallsa. Trid tingħata raġuni bil-miktub għal din il-laqgħa, li trid issir mhux aktar tard minn tmien (8) ġimgħat wara li ssir din it-talba.
  6. Il-Kumitat Eżekuttiv jista’ jsejjaħ Laqgħa Ġenerali Straordinarja meta jidhirlu li jkun hemm il-bżonn.
  7. Il-‘quorum’ fil-Laqgħat Ġenerali kollha ma għandux ikun anqas minn għaxra fil-mija (10%) tan-numru totali tal-membri tal-Klabb fiż-żmien li tissejjaħ il-Laqgħa. Jekk fil-ħin iffissat ma jkunx preżenti dan in-numru, il-laqgħa tinżamm kwarta wara bil-membri li jkun hemm.
  8. Ir-Rapport tas-Segretarju ma jibqax jintbagħat lil kull membru iżda għandu jkun prodott fir-rivista tagħna ‘Echoes from Old Trafford’, xahar b’xahar, taħt l-artiklu Club News.

KAP X – Regolamenti Ġenerali

  1. Min ikun membru ta’ xi kumitat politiku ma jistax ikun membru ta’ xi sotto-kumitat ta’ dan il-Klabb tagħna.
  2. Ma tista’ ssir l-ebda lotterija, ġabra ta’ flus jew ta’ firem għal xi petizzjoni bl-eċċezzjoni għal petizzjoni biex issir Laqgħa Ġenerali Straordinarja mingħajr il-permess tal-Kumitat Eżekuttiv.
  3. Kull ittra anonima inġurjuża kontra xi membru tal-Klabb għandha tintwera lill-President u dan jiddeċiedi x’passi jittieħdu.
  4. Kull talba biex membru jidher quddiem il-Kumitat Eżekuttiv għandha tintbagħat lis-Segretarju bil-miktub u dan huwa fid-dmir li jressaqha quddiem il-Kumitat Eżekuttiv fl-ewwel laqgħa li tinżamm.
  5. Meta tinqala’ diffikultà li ma tkunx tista’ tiġi solvuta bil-għajnuna ta’ dan l-Istatut, il-Kumitat Eżekuttiv għandu l-jedd għal soluzzjoni kif jifhimha hu.
  6. Kull darba li l-Klabb, u mhux il-Bar, ikun miftuħ għall-pubbliku, irid ikun hemm preżenti għall-inqas membru wieħed (1) tal-Kumitat Eżekuttiv.
  7. Kull min japplika jew jieħu t-tmexxija tal-Bar tal-Klabb tagħna ma jistax ikun membru fil-Kumitat Eżekuttiv. Jekk xi membru tal-Kumitat Eżekuttiv jitfa’ t-tender, għandu jirriżenja mill-Kumitat Eżekuttiv, qabel. F’każ li ma jiħux it-tender, ikun jista’ jerġa’ jiġi aċċettat lura fil-Kumitat Eżekuttiv.
  8. Ix-xogħol kollu li għandu x’jaqsam mal-Klabb irid jinqasam bejn il-membri tal-Kumitat Eżekuttiv kif ikun meħtieġ.
  9. Il-membri tal-Kumitat Eżekuttiv ikollhom id-dritt li jinkludu s-suġġett li jridu fl-aġenda biex dan jiġi diskuss, basta ssir talba għal dan bil-miktub lill-President jew lis-Segretarju.
  10. Riżenji: Membri tal-Kumitat Eżekuttiv li jkunu jixtiequ jagħtu r-riżenja tagħhom għandhom jagħmlu dan bil-miktub. Dawn ir-riżenji jridu jintbagħtu lill-President, barra r-riżenja tal-persuna li jkollha l-kariga ta’ President. F’dan il-każ din ir-riżenja trid tintbagħat bil-miktub lis-Segretarju. (Ara wkoll Regolamenti Kap. 3, Nru. 13).
  11. Laqgħa tal-Kumitat Eżekuttiv ikollha d-dritt li tħassar jew temenda deċiżjonijiet li jkunu ttieħdu f’laqgħat ta’ qabel tal-Kumitat Eżekuttiv.
  12. Għal-logħbiet murija fil-Klabb tagħna, is-seats ta’ quddiem il-big screen huma riservati għall-membri.
  13. Kull minn mhuwiex membru jrid iħallas ‘ħlas tad-dħul’ meta jkun dieħel sabiex jara logħba fil-Klabb tagħna. L-ammont ta’ ħlas huwa fid-diskrezzjoni tal-Kumitat Eżekuttiv u jista’ jinbidel minbn logħba għall-oħra..
  14. It-tipjip huwa pprojbit f’kull parti tal-Klabb.
  15. Il-Kumitat Eżekuttiv jista’, minn żmien għal żmien, jiġi mitlub xi dettalji personali tal-Membri tal-Klabb minn ‘Manchester United Football Club’. Id-data u informazzjoni miġbura, jiġu pproċessati u trasferiti skont l-Att tal-Protezzjoni tad-Data.